Philip Sciberras
November 26th, 2006
Jifforġa l-Ħelsien
Siltiet mill-istudju ta’ Philip Sciberras
…Il-kronaka impressjonanti li jagħtina Briffa tal-ġrajja Maltija tibda minn ritratt tal-ħaddiem tarznari ħawtiel u ħellies (Ħsibijiet għal-Lum), tittraversa r-realtajiet ta’ l-imgħoddi u tal-preżent (L-Għanja tal-Ħelsien) billi tinkwadra s-seħer tal-ġibda, kważi senswali, għal dak kollu li hu barrani (Rimors); forsi wkoll, ġibda, strumentalizzata minn “pirati ġodda/iridu jbiegħu ruħek/fi swieq l-Ewropa” (Frak ta’ Protesta). Fil-perkors ta’ din l-istess kronaka ma jonqosx l-għadab tal-poeta għall-“bruda ħajna” u “t-telfien mis-sensi” tal-poplu Malti (Buzzetti liċ-Ċittadin) u (Tkun Waslet l-Aħħar Siegħa) biex dan iqum fuq tiegħu u jerġa’ jikseb il-fidwa mill-jasar ta’ l-għelt u l-qsim ta’ bejnietna (Qalulna, Snin Ilu). Hu interessanti li din is-sejħa terġa’ twassal lill-poeta minn fejn telaq. Dik tar-ritorn mill-ġdid tal-qagħda, u ta’ l-għaqda, “fejn ix-xogħol/kien il-plier/li fuqu straħ kollox” (Ħsibijiet għal-Lum).
Vers wara vers fil-viżjoni poetika tiegħu Briffa jorkestra t-tema tal-ħelsien. Ħelsien dan f’sens mill-aktar wiesgħa…
…F’din il-bixra, huwa aktar minn ċar illi, għall-poeta Briffa, l-open sesame tar-riakkwist tat-teżor tal-ħelsien huwa x-xogħol. Ix-xogħol bħala virtù, miraklu u d-duwa fejjiedi tal-marda nawwara bl-illużjonijiet u l-parassiti, ta’ kull xorta.
…S’intendi, din is-sitwazzjoni tiegħu hi wkoll l-effett tat-tqallib psikoloġiku intern, derivat l-aktar mill-konfront li jagħmel tal-persunaġġ politiku Dom Mintoff, “l-arkitett tal-fidwa” ta’ l-imgħoddi, li għalih ma baqax is-salvatur ta’ llum (L-Għanja tal-Ħelsien). Dan it-tqallib jikkulmina f’sens ta’ telfien kuxjenti, imma wkoll eżasperanti, anki għaliex ma jistax jaħrab is-sensazzjoni li l-persunaġġ imsemmi “jibq’hu l-eroj fl-istrati tat-tifkira tal- rajja tagħna kbira”.
…Madankollu, il-kronaka tal-poeta ma tiqafx f’dan l-istat ta’ korla u disperazzjoni. Kumplimentari mat-tema tal-ħelsien hemm dik l-oħra tat-tama. It-tama ta’ l-akkwist mill-ġdid tal-galbu u ta’ rajna f’idejna li jistgħu jwassluna “lejn ħdan il-port tal-ħniena”.
…Sostanzjalment, però, il-qarrej hu megħjun mill-assoċjazzjonijiet li jagħmel il-poeta. Assoċjazzjonijiet dawn li ma kienx jonqos li jkollhom għeruqhom f’din “iż-żokra art ħawlija”, il-flora tagħha, ix-xemx Maltija li tiwweldja prodotti komposti, bħall-imsiebaħ tal-fuħħar, l-insiġ ta’ l-għażel, l-imqades u l-palazzi. Prodotti dawn ta’ ħila u ta’ bżulija li l-poeta jittrasmetti lilna bħal prova li l-għaqda bejnietna hi possibbli.
…Ħaġa naturali, l-assoċjazzjoni mal-baħar hi qawwija ferm għal Briffa. Għalih, il-baħar hu msensel ma’ ġrajjiet Malta, mhux biss fir-rakkont tar-rikkezzi tal-flora u tal-fawna tiegħu jew fir-rabta senswali ta’ dawn (Rimors), iżda fuq kollox għax dan l-istess baħar, b’ilmijiet dejjem jinbidlu, joffri sfida lil qalbu, tallaba ta’ l-ispirtu (Buzzetti liċ-Ċittadin).
…Din hi l-poeżija ta’ Briffa – morra u ħelwa fl-istess ħin. Karrieba u protestarja. B’ġabra ta’ xbihat qawwija li jevokaw il-qagħda preżenti imma fl-istess waqt ankrati sew fit-tama li l-futur ikun aħjar.