Paul Buhagiar
November 26th, 2006
Siltiet minn studji ta’ Paul Buhagiar
L-Aljen jew Louis Briffa
…Il-poeżija ta’ Louis Briffa hija ‘stramba’ b’diversi modi, kemm meta titpoġġa quddiem l-isfond tad-diskors komuni kif ukoll meta titpoġġa fl-isfond tat-tradizzjoni poetika Maltija. Ibda mill-vokabularju. Ħu poeżija bħal Fil-Kamra tal-Banju – Il-Ħsieb tal-Mewt. Għandek kemm użu mhux tas-soltu tas-saff semitiku tal-Malti, b’mod li lil Briffa taħsbu namrat tad-dizzjunarji u l-aktar kliem arkan fihom, u min-naħa l-oħra għandek l-użu ta’ “toilet paper” li, fil-kuntest poetiku, isirlek xi ħaġa serja (kelli f’moħħi ‘sagra’) li jkompli jgħin biex iżid in-naħa realistika tal-poeżija li hija essenzjali biex tinbena n-naħa riflessiva u metafiżika. Huwa tassew każ ta’ teħid ta’ l-ordinarju biex jitbiddel fl-istraordinarju, tal-poeta li qiegħed jissellef elementi komuni mid-dinja ta’ kuljum u jbiddlilna, għal mument illusiv, il-puntdivista tagħna.
…F’Louis Briffa hemm twaħħid mat-tradizzjoni imma wkoll tbegħid minnha li tagħmlu l-aktar leħen poetiku oriġinali tal-bidu tas-seklu XXI.
…Żewġ passi lura qabel nimxu ’l quddiem. Ħu l-poeżija Jaf Mitfi l-Ħars. Fiha sibt lil xi ħadd li fl-aħħar isensel flimkien l-akbar żewġ dnubiet tas-soċjet Maltija:
Din art li ma tiflaħx għall-klandestini
għax ġidha tonfqu fil-murtali mlewna.
In-nies tħares ’il fuq lejn is-sema mlewwen ma għandhiex iċ-ċans tħares lejn bniedem li għandu bżonn l-għajnuna. Ma tridx wisq immaġinazzjoni biex tifhem x’kienu jagħmlu bihom il-flus li nonfqu fil-bumm bumm tal-festi lill-qaddisin li niċċelebraw b’tant ħerqa. Jekk din ma hijiex aljenazzjoni, imbierka mill-poteri kollha ta’ din l-art ħelwa, allura Louis huwa żbaljat, qiegħed jara ħażin, u miegħu qegħdin jaraw ħażin dawk li xebgħu u jħossu li ma jistgħu jagħmlu xejn. Kollox jitbierek “mill-ġurnali rħas ta’ l-għada”, jiġifieri, kif nifhimha jien, mill-midja ta’ l-interessi fejn il-ħelsien tal-fehma trid tfittex għalih b’mikroskopju potenti.
Hemm is-swat għaliex hemm l-imħabba, mhux biss lejn l-art u l-karatteristiċi fiżiċi tagħha imma l-aktar lejn in-nies li jgħixu fiha u lejn il-bniedem, irrispettivament minn liema ċittadinanza għandu.
…Il-poeżiji li jitkellmu fuq mumenti meta Louis jaljena ruħu billi jsiefer (jiġifieri meta jsir ‘aljen’, ‘alien’, kif l-Amerikani jsejħu lill-barranin kollha) jistgħu wkoll jintrabtu mat-temi ta’ l-istramberija u l-aljenazzjoni li ma humiex, fir-realt , ħlief tema waħda.
…L-aktar xbieha stramba għalija tibqa’ dik tal-persona f’Il-Kamra tal-Banju – Il-Ħsieb tal-Mewt, fejn il-misteru ta’ l-eternit jiftiehem permezz tal-logħob bil-fwar waqt il-ħasla. Min qiegħed jinħasel ‘jaf’ li wara l-fwar hemm il-kumplament tal-kamra, bħalma ‘jaf’ li hemm il-mewt. Il-problema terġa’ ddur mal-viżta, mal-fwar li jagħmel stramb dak li huwa normali u b’hekk irendi l-possibbilt ta’ esperjenza metafiżika. Il-bosk dantesk, jekk trid, li issa ġie domestikat u jista’ jinstab ftit metri ’l bogħod minnek waqt it-tindif jumi.
…M’hemmx dubju li Louis huwa aljenat (mhux fis-sens Marxist!) imma l-aljenazzjoni tiegħu ma teqridx. Hija stramberija li trodd frott lill-poeta u aktar u aktar lill-qarrej li kultant ikollu bżonn waqfa mill-aljenazzjonijiet irħas bħall-gazzetti li jmaqdar Louis. Il-poeżija ssir antidotu li jmewwet il-veleni attwali u jaħjina.
Prosit Louis! Ma kontx naf li ghandek websajt bhal din!