Joe Friggieri
November 26th, 2006
Siltiet mill-istudju ta’ Joe Friggieri
Il-Poeżija Erotika ta’ Louis Briffa
Metafora Estiża tar-Relazzjoni Intima Bejn is-Sessi
Louis Briffa nnifsu jgħid fuq il-poeżija tiegħu li “ħafna mill-messaġġ tagħha joħrog mill-ħuġġieġa ta’ kliem u mit-tifsir kemxejn imċajpar bejn vers u ieħor.” U la jgħidha hu ma naħsibx li se jiddejjaq jew jitmeżmeż jekk intennihielu jien.
…Ħafna mill-poeżiji ta’ Louis Briffa, u mhux biss f’din it-taqsima, għandhom din il-forma (il-forma ta’ metafora estiża) u jroddu tifsirhom aħjar jekk jinqraw b’dal-mod.
…Ta’ min jgħid kelma f’dal-kuntest dwar il-poeżija Fanina – l-Għarusa f’Awlet il-Menti, poeżija kumplessa mnebbħa minn kwadru ta’ Salvador Dalí li biha Briffa rebaħ il-Premju Marjanu Vella fis-sena 2000. Il-poeżija hi magħmula minn għadd ta’ xenetti mimlijin ħajja, li jinkludu d-djalogu kontinwu bejn il-maħbubin, id-deskrizzjoni tat-tieġ, u l-għaqda tal-miżżewġin. L-aktar aspett interessanti ta’ din il-kitba qiegħed fil-mod kif il-poeta jgħaqqad il-ħolm fantastiku mar-realt , ix-xbieha fil-kwadru ta’ Dalí (jew fil-kwadru ta’ moħħ il-poeta?) ma’ l-użanzi u r-riti antiki tal-popli tal-Mediterran. Il-poeżija, għalhekk, tittratta mill-ġdid, u b’mod oriġinali, ir-relazzjoni bejn l-arti u l-ħajja, u ġġiegħel lill-qarrej jistaqsi jekk il-poeta huwiex qed jipprova jimla dak li hu assenti f’ħajtu bi ħlejqa jew ġrajja ta’ l-immaġinazzjoni, suġġerita lilu mill-opra ta’ l-artist Katalan.
…Maqlugħin ’il barra mill-kuntest tagħhom, dawn is-siltiet ma jħallux l-istess impatt li jħallu meta taqrahom bħala parti minn dik il-“ħuġġieġa ta’ kliem” u xbihat li minnhom tissawwar il-poeżija ta’ Louis Briffa. Imma huma biżżejjed biex jagħtu ħjiel ta’ l-insistenza kważi ossessiva li biha l-poeta janalizza r-relazzjoni intima bejn mara u raġel, u wkoll tal-mod kif, biex jiddeskrivi dik l-esperjenza, Briffa jwessa’ l-firxa tal-vokabolarju poetiku ta’ lsienna.