RSS:
Artikli
Kummenti

L-Istorja u l-Politika

It-Tieni Taqsima: L-Istorja u l-Politika
Bil-Varloppa (Poeżiji 1985-2005)

DIRGLA

1

Bħal bronż maħlul
fil-forom li jeħtieġ min imexxina
aħna…

Atleti ta’ l-imwieġ
għax kontra l-kurrent naqdfu
jo żwiemel imżeffnin fuq l-isplussivi
fir-ċirklu tal-politka mdewda
aħna…

2

L-isparpaljar
virtù
li kollha għandna nxiddu.

Ipnotizzat kulħadd.
Kulħadd isoff mill-banek
– bħal ferħ bla qies ta’ naħal
fuq ward bla reżistenza –
għasel ta’ liri/ewro għall-pjaċir
biex wara nsoffuh
nerġgħu
bl-imgħax li jkollna nħallsu.

’Mma d-dejn l-aqwa ċertezza�
li aħna poplu ħaj
u nħobbu ngħixu!

3

Tibqa’ l-opzjoni komda
li nbaħħru kisknijiet lejn Abukir
u nogħdsu ’l isfel,
ngħarrxu sew il-qiegħ
ta’ port taparsi tagħna.

Qatigħ jgħinuna f’dit-tfittxija sagra
il-fosos bl-elettroni tal-qarnit
ċerkjati b’torċ l-għaddasa.
Ċagħqija sat-tarfnett
ngħarbluha f’leħħa
għal kulma jleqq;
bir-rizzi kollhom raġġi
u l-grottli xjuħ
ostaġġi
ma jibqgħux
u għal rashom preċiż jaqgħu
minċotti
fejn jipprovdi ferq il-blat.

Fi xkejjer żgħar l-ingotti�
mal-bżieżaq ta’ l-ossiġnu
dritt għall-wiċċ
tal-baħar Eġizzjan
minn għelt id-djun jifduna:
bi mħatra ġidi npoġġi
bla xaqq biża’
għax din is-soluzzjoni
ssostanzjajtha!

4

Tiġieġa ddissussata dal-pajjiż
li flok il-mili jfuħ
b’tat-tjur marrara miżża
l-Ewropa sous-chef prima
nefħitu biss għall-għajn.

L-Ewropa f’karestija
tort ta’ dragun grottesk
ibierek lill-Orjent
u l-ajkla tal-ftaħir amerikana
tisseqqer
mingħajr xaba’
fuq ta’ l-Islam il-bjar
iroddu d-deheb maħmuġ!

5

Inkapsulata d-dagħwa
tat-tradiment fis-swar
stuprati b’asfalt jaħraq u biż-żrar
għar-ring road f’ġieħ is-sewwa u l-progress.

Mas-swar ta’ Marsamxett
nimmasturbaw.
Mas-swar f’ritratt sfukat�
għal min ma fassalx tajjeb il-futur
għax baqa’ qatt ma ra
fil-glorja tal-passat
il-passi żgħar u kbar li ridna nsegwu.

6

Mhux bl-abjad tal-ġarġir
isaħħar Wied id-Dis
’mma b’ġenn t’appartamenti
skond kif tarahom
jogħlew
biex jostru l-blat inixxi demm is-sekli.

7

Isaltan jibqa’ l-ġgant lebbruż tal-Magħtab
b’sigarru jinten pesti qalb l-akaċja
inixxef il-busbies u l-isturnell;
u jtaqqal b’għeja stramba
petriċa ’l barra ġmielha mill-iskolji.

8

Sidien l-għelieqi verġni f’Tal-Virtù
qalu li ssabbru;
bix-Xagħra l-Ħamra l-boċċa qrib il-likk għadhom kif ħabbru
b’pubbliċit okkulta
xandara ma jiswewx daqs tebaq fwiedhom.

It-toqob mingħajr għadd li tippossiedi
dix-xehwa b’dijametru
ta’ ġobna tfuħ tat-toqba.
Espert ħalef li kienet
mill-bidunett fil-pjani ta’ Jaħwe
għal-logħob tal-golf u l-koros
ħa l-għorba sbieħ ikiddu l-art ħawlija,
bl-istikek jimmiraw
għal sorm l-irġiel tar-raba’.

9

Poeta
jien
niftakar fl-antenati.

Fl-emblemi tal-ħaddiema rassenjati
u l-korla fil-baċiri tal-kuntrarju
jikkastigaw bla tort ulied is-sengħa.

Mal-blat jiskorċa l-mielaħ
sa spnar joforqu ġbejna tal-ħalib…�
mal-makkinarju jerħi żejt qadim
fiż-żoni fejn jinħalbu…
mar-ragħad ikebbes b’qilla l-istaġun
maħtur lill-poxt padrun qaddis tar-raħal
jinħlew
nimmaġinahom �
għexieren ta’ snin oħra.

U xejn li xejn, Eloi, ma nista’ nagħmel!

10

Meta
fil-qaleb
ta’ moħħna l-ħaddiema
jisplodi l-ekwinozju
il-verit ma tkunx aktar sfukata.

Għall-gżira tagħna sfajra u laċerata
biżżejjed
jekk inqumu u nxappulha
tajjâr bl-ispirtu kiesaħ tal-fejqan.
Biżżejjed
jekk bħala aħwa
insaħħu l-edifiċju
u fuqu nqabbdu ċ-ċippu
bin-nar repubblikan.

11

Dal-lejl jien kelli
ħolma.

Ma’ marti bdejt interraq
din l-art fittizja tagħna
b’rix aħmar nieżel bandla għal fuq rasna.

Madwarna l-baħħ,
bibien bla serratura
u l-kesħa ta’ l-għajnejn wara l-purtelli.

Mir-rix insawru maskra Venezjana
ħa nkunu bħall-oħrajn
fil-lejl tal-fallu.

Noħlomna naqsmu s-sala
bir-rix jostorna waqt iż-żfin fil-ballu.

Aħmar dar-rix sabiħ u soċjalista
li xegħel ħajjitna griża
bin-nar etern tal-mit.

12

Hawn jien, fl-anfiteatru tiegħi -
poeta-dissettur:
mhux l-isdra żgħar tat-tjur miżgħud puċpieċ u sriep
u fniek ta’ l-Indi
għażilt li nisfrondalkom.

Lezzjoni mingħajr lewn l-anatomija
(bħall-iġsma li qattajt)
li llum, titqanna jkollha,
fuq xkafef b’tubi dojod skond id-daqs
u lewn il-kimika.

Pajjiżna llum ftaqtilkom,
titmeżmżux!

Inevitabbli l-qsim li kelli
nħalli
ta’ l-għodda tqum tas-sengħa
fuq ġisem l-art li nħobb.

Mard serju li laqatha;
u dam ma deher jo ħareġ.

Bħal twerdin kbir
ta’ magna t’ajruplan itir fil-baxx
jew maremoto qawwi
skussjatha sew dil-kriżi
sa sefgħet bla taf kif f’xifer il-gwaj.

Qaxqxuha l-parassiti ta’ qaddejja
u meta ġiet fil-bżonn
ħallewha tofrok għaxja;
u duwa dik li huma ma ridux
ja vili sqewha!

J’anġli li ngħożż, ta’ fibra!

Skussjaw Kastilja f’sakra ta’ bla ġieħ!

Il-laptop tad-destin aħfnuh f’idejkom
u ddisinjaw futur
imsejjes fuq ix-xogħol,
fuq il-valuri…
u la ċċedux pass wieħed
sakemm isiru rmied
dal-ħatba li jinħarqu għall-poter:
missirijietkom!

13

Dar Malta fi Brussell
timlielna żaqqna vojta bl-apatija.

Taħt shot t’anestesija
nissogra ngħid għal min imexxi l-gżira bla riżorsi
stronkat bħal Ċesri minn ta’ ġewwa stess;
biex jaqta’ d-dejn ossess
u b’diretturi�
li b’buri jrieġu mżarġna u mingħajr snien
battalja kontra t-telqa
u t-tberbiq.

14

Biex piż daż-żmien bla kont, ta’ riċessjoni…
l-iżbalji madornali tal-passat…
l-amputazzjoni mgħaġġla
tal-ħolm abjad preċett
għal min emmen bis-sħiħ
fil-fasla ta’ pajjiż
li qatt ma tlesta…�
u biex das-sensji jvenvnu
bħal ballistri
lill-gajjijiet sinċiera
mil-lant tal-ħidma wtiqa
itaffu mqar xi ftit…
narahom inewlu l-loqom
lill-fratellanzi ġodda ta’ l-ilsiera.

FRAK TA’ PROTESTA
Ħajku, Tanka u farka oħra

Għaddiet sen’oħra
bil-ġebel tat-teatru
jistaqsi: Meta?

Ilbieraħ smajna
li l-Lhud u l-Għarab ftiehmu…
U l-ġlied issokta!

Għebet fl-imwieġ…
U l-gawwi baqa’ jfittex
il-kenn ta’ għerienha.

Ja kelb barrani
li żeblaħt il-bandiera:
nobżoqlok f’wiċċek.

Għola l-ħalib…
Għola l-pastizz tal-ħaxu
u tal-piżelli!

Fil-jiem tal-borra
id-djar lussużi jisħnu…
’Mma l-griebeġ jirżħu!

Il-balbuljata
riċetta nazzjonali
għax trid wisq bajd!

Oh! Kemm hi fina
u ten’ra dil-għanqbuta
li minn għajnejna
tostrilna s-swied u l-bjuda
ta’ verit stunata.

Pirati ġodda
iridu jbigħu ruħek
fi swieq l-Ewropa.
Skietek ma jeħilsekx,
ja gżira ħelwa tiegħi.

Armat sa snienu
bagħtuh l-Iraq għal gwerra.
F’plastic bag skura
ipproklamawh eroj
għax miet ħaruf għall-paċi!

Queiroz jitbissem
mill-ħġieġ ta’ l-ajruplan lil dak li ħelsu…
Għax dak li ħelsu
(bniedem tar-ruħ u l-bqija)
kien jaf
u għadu jaf
u jemmen
u jsostni kullimkien
li l-ħabs mhux post il-morda.
Għax dawn, imsieken,
ma jifilħux l-intejjen,
il-faħx u l-għelt tal-bhejjem
imsakkra magħhom.

RIMORS

Probabbli d-dissens
fi ħdan ix-Xellug irxuxtat.
Differita ma tgħinx biex isseħħ il-pronjosi
u jfiq il-pazjent dolorat.

Staqsietni l-Franċiża sdrajjata fuq blata f’ta’ Xbiex:�
“X’sens jagħmel in-netwerk ta’ knejjes fl-Ewropa
jekk nisli pagan
u ’l ruħi ma nsibx
fl-idea tixxortja ċirkwit moħħ il-bniedem li falla
biex ħoloq trattat mingħajr Alla
u ġannat pajjiżi ma’ makku ta’ gżira bla bżonn.”

Nitqalleb u noqtor minn kliemha
fil-ħofor tal-melħ
donni ħniex.
Kisrejn ħobż inqarmeċ bit-tonn u l-kunserva�
u naħseb dwar x’seta’ kien l-għan
li l-anġli mistiedna bil-qtajja’
fis niżlu straxxnati
għal fuqna daqs balla
u ndafru biċ-ċiċri u l-bajtar tal-pal,
b’tagħsida ta’ smida,
ta’ ħobż u patata bil-ġlata;
u ħalfu lil niesi sostenn u ġustizzja �
u raqdu ma’ djulhom fl-istalla.

Mimdud kont qed ngħid l-orazzjoni
flok naqta’ u nkejjel ix-xolfa
jo norbot is-snanar tal-mewt.
Bħal skalda minn baħar xewwiex
tolqotni did-darba t-turista
b’sidirha jisporġi sabiħ
għal fuq xugaman
b’salib bi tmien ponot.

Tond tond ikellimni ġisimha
taħt malja b’delfin jinfed ġmiel ta’ qawsalla.
Senswali l-massaġġi mir-riġel sad-dahar,
mill-għonq sa l-ispalla b’La Roche Posay
li topra bla tistħi fuq laħmi oskur.

Bħal vopa nitgħallat u neħel mad-disgħa t’għonq nassa -
l-Ewropa mhix aktar ingassa
f’dir-riħa ta’ baħar il-frott u ta’ żjut.

Imġennen biex nibqa’ f’dil-lotta sabiħa
bil-foxxna tas-sess mal-Franċiża,
ilsieni jindarab ma’ snienha ta’ gringu feroċi,
jirtira
u jistira fil-bejta ta’ l-alka
bejn laħam kuxxtejha
s’ardita li hi
tobżoqli bħal siċċa t-trattat.

F’lingwata tar-ramel tinbidel bi sfida
u jien f’sawt bix-xewka tan-nar.
Nirkibha u nitqatlu mill-ġdid taħt il-blata
sal-maħżen ta’ ġismi jitbattal mir-rabja
u denbi jisfali mingħajr munizzjon.
“B’hekk biss,” tfesfisli f’widnejja,
waqt ġlieda għan-nifs u nofs daħka,
“l-Ewropa ta’ qalbna
tingħaqad
u ssir kif xtaqnieha: Nazzjon!”

“Iv’issa bdejt tifhem,” għedtilha, nitbissem,
“il-logħba tal-kbar li jmexxuna
u aħna nistmaw
bħallikieku
l-għanqbuta fis-setaħ
jo t-trab li nikinsu taħt l-għatba tad-dar.”

“Xħin ftaħtek bħal gajdra bla ndiema
taħt qamar lanterna tal-gass
ibajjad minn hawn sa Tas-Sliema
intbaħt kemm tqarraqt
għax bżajt niżfen miegħek
id-danza tal-kwiekeb
fil-ballu ta’ Mejju sogħbien.”

Aqra siltiet mill-istudju ta’ Philip Sciberras

Trackback URI | Comments RSS

Halli Kumment