Is-Seba’ Taqsima: L-Imħabba
Bil-Varloppa (Poeżiji 1985-2005)
|
F’ĦAŻ-ŻABBAR
Mal-liwi ta’ sqajjaq ħemdieni
nixxennqu mqar għal ħjiel ta’ żiffa mqarba
maħbubti u jien infittxu dar jew dwejra,
razzett, terran jew mitħna –
xhieda ta’ żmien is-sħaħar u l-ħorsien
biex b’nitfa fantasija
nibdluha f’bejta tagħna.
M’aġent jaqdef quddiemna nonfħu nefħa
u nil’hġu qisna toru ta’ Sevilja,
niskopru ħjut id-dell u nimxu magħhom –
gremxul attent mill-ġir u l-melħ imniddi,
minn swabgħet oħtna x-xemx tbaskat u tisreġ.
Filwaqt li nterrqu ’l hinn u ’l hawn għajjiena
f’dis-siegħa fejn in-nifs għal ftit jiqfilna
u għajnejna jinsterqulna
minn leħħ ħeġġet żgħożitna
nistaqsu raġel xwejjaħ
ma’ bank iserraħ minkbu
fuq gallerija trodd għal taħtha sewwa
swabgħet il-kaktus, fjur is-sardinella:
“Għandek pjaċir tnewwlilna tazza ilma?”
Passi mill-kuritur u passi fuq ix-xorok
iduru mal-ħnejjiet f’nofs spazju mtarraġ
jaqtgħu, jintfew… sa mbagħad il-bieb iżaqżaq
u joħroġ dlonk Mikiel u warajh Grazzja
b’wiċċha ruxxan, daħkani…
iżżegleg żir ma’ ġnieb bixkilla mċappsa
b’taħsir t’għenieqed, ħawħ, parsott u tin –
il-barka t’Alla fl-aqwa ta’ staġun!
“Sinjuri, staħju, isa,”
jgħidilna x-xiħ imbissem,
u jiena kollni ħajr:
“Tal-bir dan l-ilma, nann?”
“Iv’iva, ibni, ixrob.
Jekk tridu boqq kafè b’taqtira maskta,
Grezz tiegħi f’tebqa t’għajn issajjarulkom…
Xi tgħidu, eh? Fuq dik, ara, Sinjur,”
u b’sebgħu jimmarkalna l-istanjata.
Mat-tokki mis-Santwarju maestuż
insellmu ’x-xjuħ dħulin
u nlissnu talba f’qalbna lill-Madonna
b’Bambin tal-ħolm f’idejha
(“T’Erardi s-sbejħa dik,”
kien stqarrli sieħbi l-patri
waqt marċ brijuż…
Fil-menti kemxejn mgħajba dit-tifkira!)
sabiex tberikna fl-għerusija tagħna,
tilluminana b’post li naffordjaw
u tagħti l-enerġija
’l-aġent ħabrieki magħna
(Tkomplix tgħinu jistagħna u jigref minn fuq daharna!)
hekk dan fis jirranġalna
fl-inħawi ta’ l-għoġba xi mkien f’Ħaż-Żabbar.
|
|
JIEN TAFAL, FTIT SE INŻOMMOK
Ejj’ara, tifla ħelwa ta’ l-għoljiet,
vulkan irewwaħ xraru, jum u lej’,
hawn taħt dil-qoxra mejta, kollha flieli –
splussiv m’arloġġ jistenna l-ħin għaddej!
Inqala’ minn għeruqek
jien tafal, ftit se nżommok…
Hemm ’l isfel mal-mogħdija
issib biex tniddih fommok.
Hemm ħoss l-ilmiet ikanġu
ma’ l-aħdar tal-ħaġriet
għal ftit inessik leħni
miksur daqs tokk l-imwiet.
Istaħja sew… Nistħajlek
bil-ġirja tersaq lejja
u tbattal ħalqek mimli
fuq l-aħrax ta’ ħaddejja.
Minflok tinfidli qalbi:
“Ħamrija wisq għammiela
sibt hawn, beħsiebni nibqa’.”
Tassew, hawn tisboq ġmielha!
“Mill-qoxqox ċar ta’ barra,
mill-artab griż fuq ġewwa,
mit-trab maż-żlieq iwaħħal,
mill-kesħa ta’ l-indewwa,
ftit tmajtni nutrimenti.
Dit-tira tiegħek farka
ħdejn dawk il-friegħi nieżla
mill-beraħ nir bħal barka.”
Boqq’ilma biss, ħanini…
X’inhu? Għalija m’hemmx?
Minflok iddawwar rasha
bil-mod lejn dawl ix-xemx.
Nistħajjel li tinsieni
nitbaskat f’ġenn in-nhar
met’hi għall-frisk ta’ l-għodwa
fl-irxiexa tal-madwar.
Fit-telfa nqarqaċ ġismi
u demmi jisbel fija;
sal-vini niftaħ f’raddi
immut b’emorraġija. |
|
POŻITTIVA
Kemm jagħmel sens illum, maħbuba marti,
li niżfnu, kif qatt qabel.
U int u jiena biss
f’dil-kamra roża roża
imtektka b’xemgħa tbaħħar f’reċipjent –
bħal moħħna bit-tifkira
ta’ daħk, għatis u dmugħ
f’ħanut daqs ħolqa maqbudin fil-borra
sal-mixja tul il-park –
dominju ta’ skwirilli,
pelikani,
fjamingi, palettuni, albatross…
f’Vancoover, sentejn ilu!
Sitt snin għaddew
minn meta rjieħ bla rajjes
issieltu mal-Fortizza
u mlewlna wiċċna b’raxx niggież u mielaħ.
Sitt snin mill-kliem ferut,
mill-alka tfuħ u d-dmugħ,
minn dik il-passiġġata taħt il-qamar
passejn ’l hinn mix-Chalet.
Bħal Gala għal Dalí
u Eliżabet għal Browning,
bħas-sbejħa Beatrice
fil-ħolm bla ħolm Dantesk,
bħat-tfajla kollha għeja wara s-sess
fit-tila t’Eric Fischl,
hekk kont u nibqa’ nqimek.
Għalhekk nitolbok żifna
maħbuba marti llum
mal-bewsa wtiqa żżoqqli l-menti jnemnmu,
timlieni b’sensazzjoni dejjem ġdida
bħan-nwar ma’ kull rebbiegħa.
Għalhekk dil-kejla ferħ
għal-lum u għada
bit-tama li mhux tard il-pass lejn l-hena,
bir-rieda li ninsieha l-mina sewda,
bil-ħeġġa ta’ bla tarf, b’qalb ta’ poeta!
Kif taqra dawn il-versi ħfief u mlewna
bħal fjur fuq Sulphur Mountain
nistħajjel li jiħmar wiċċek qatigħ.
Bħal sider vjaġġatur jesplora l-ħâra
fil-mira t’antilòp maħsud tispiċċa.
Iss’insa kull uġigħ, ejj’iżfen miegħi…
Titkarrabx ħniena llum, għażiża tiegħi,
għax ħelwa l-weġgħa, taf,
tal-qarn iniffed fond ġo laħmek tari
sal-għaxwa tal-pjaċir. |
Aqra siltiet mill-istudju ta’ Achille Mizzi
No Comments »
Halli Kumment