|
FIL-KAMRA TAL-BANJU
Il-Ħsieb tal-Mewt Kontx fiha diż-żgħożija,
hix tiżloq minn idejja
biex tegħreq f’dan il-baħar
durella ma’ riġlejja,
ftit naf, o Dulcis Jesu.
Hawnhekk ukoll l-imkien
fejn ħsieb jirtab bil-fwar
u ieħor jieħu l-ħajja…
Inħammem hawn ukoll:
imsawwar mis-saliva ta’ l-imgħallem
u t-trab moqżież tax-xagħri
nintradd għabra qaddisa għad…
Mitluf il-ħolm li noħlom
hawn
għal min mgħakkes fix-xogħol
u m’għandux ċans iħares lejn is-sema
biex jgħid għallinqas: “Grazzi”,
lill-Ħallieq.
Hawn noħlom ħolm
għal darba persważiv u innoċenti
sakemm il-ġar
iċaqlaq il-karozza
(miskina bi ngħas bħali)
minn taħt it-tieqa mbexxqa.
Jiżbroffa minn xufftejja l-kliem setgħan…
L-istonku menqgħa mċafċfa
jitfewwaq tal-klamari l-istuffat,
inbid Blue Nun,
kafè b’taqtira maskta.
Nagħlaq għajnejja f’daqqa
u jkun il-lejl għalija.
Ev’oħra l-mewt
tavvanza
minn mogħdijiet il-luttu
mgħajbin
b’uħux l-għaxija.
Dil-mara li sfrondatli l-baħħ ta’ dwari,
l-ħajr ta’ fija,
f’mixegħla safranija
jidhirli li naraha
imlebbta fuq il-weraq tal-ħarifa fl-art neżlin,
b’dirgħajha miftuħin
u d-dawl le jgħaddi minnha -
għalkemm donnha ta’ l-arja
dil-mara f’kenn il-loġoġ tat-tifkira!
Nistħajjel idi f’idha,
li jien in-namrat tagħha…
Imbagħ’d, f’indew id-dwiemes,
nissakkar, j’ibleh, magħha!
Furbana tal-bnedmin
issalpa bija ’l hinn xi darba
għad…
mingħajr ma naf u nifhem
fuq liema xatt, ja kiefra, ser tniżżilni…
mingħajr biljett jew passaport fil-but,
mingħajr bagoll f’idejja.
Dil-mewt f’konfoffa stramba mal-menti tilluppjani.
Sa ġġegħelni nxomm tar-rħieb inċens feddej
u għasel ix-xemgħat
minflok ir-riħa taqsam ta’ sapun
fi fliexken imdaqqsin,
ta’ terer imgħottija bit-tajjâr.
Imġibti naf x’inhi f’mument ta’ estru.
Ma naf fl-uġigħ terribbli
itektek fin ġo rasi
x’inhu nuqqas ta’ wġigħ.
Vultaġġ il-ħsieb
le nista’ niddimmjah
bħal-lampi fuq il-mirja.
’Kk inħoll roll toilet paper
turment bħal dan le nqisu.
U lanqas jekk nittarraf
ma’ slielem il-majjistru ta’ feluka
fuq meded il-madum iddisinjata
ma nlaħħaq l-ogħla nota do ta’ lfiqi.
Dan tiegħi ġenn jeħsini b’ħafna nkejja
f’dil-kamra favorita
fejn l-għodwa tiegħi
- misqja ta’ l-imrar –
għal ftit, donnha, tbellahni.
Fenomenu dal-ħsieb.
Qatt m’hu passat għalija.
Bi xbari ma naħkmux
biex f’leħħa niżbranah
mill-bur tal-fantasija.
Minn taħti jirrifletti l-blu llustrat
u lewni griż il-vini jkanġu mserrpa f’nofs l-irħam.
Inqarmeċ ħsibijieti, nirmixkahom…
u l-mewt tidhirli hekka:
(f’dal-lqugħ ta’ ħġieġ imtappan
b’purtiera ta’ misħun
bejn dak li ma jidhirx, tan-naħa l-oħra,
u bejni –
Atunis ta’ żagħżugħ
li nfalli ta’ kull darba…
għax qatt ma jseħħli nifhem xi trid tgħidli!)
għarusa
trodd minn ġufha l-kriżantemi…
b’faldrappa ta’ messaġġ li trid tgħaddili,
u ma tasalx, jaħasra,
għax kliemha donnu fwar
li rxiex nebbiexi
jsir
kif l-arja jħoss tal-kamra…
Id-doċċa tfaqqa’, tfaqqa’
b’toqbiet jifirdu l-ilma f’elf nixxiegħa
asperġes
nistħajjilha.
Il-bozoz fis-suffett
mirati lejn mirjiet kemxejn imtappna
juruni kemm mhux bogħod
minn dawl l-eternit
id-dwal li jarmu.
�
Ix-xugaman inġib minn fuq gradenza
biex mill-misħun
(jew l-għaraq ta’ mewt oħra?)
nixxotta kollni sabar.
Il-vanity niftaħha.
B’thewdini skur nimlieha.
Fl-għeluq ħsiebi jiddakkar
minn żjut il-warda rari
merfugħa b’tant imħabba
bejn l-aluminju kiesaħ
fuq l-ixkaffar bi ħġieġ b’sengħa mmulat.
F’dal-banju kbir u mkennen
bejn il-ħitan tal-qedem
nistrieħ tassew
u kollox jitbissimli.
U xoffa f’xoffa l-mewġ
bi trofftu bajdanija
- fatati leġġendarji –
jgħannquni ġwejda magħhom
u jtajru bżieżaq żgħar
ma’ l-arja ta’ l-irxiexa
sa jidħlu fi mnifsejja.
Mit-tieqa mbexxqa
tal-kamra verdemar
ma’ ħanġret il-paguni
u ż-żraġen dwal newniema
bħas-soltu jassedjawni l-ħsibijiet:
Prerogattiva tiegħi din, Mulej tal-ħniena,
li ndur għall-kwies ta’ żejti
u nidrob lil fuħħarhom?
Li nitfi ħin bla waqt niċċet musbieħi?
Li nkanta l-mewt
met’għadni biss fil-bidu?
Timbotta bieb kulħadd il-mewt
sa tidħol
u toħnoq it-twerżiqa
ta’ dak ma’ dik u l-oħra,
ta’ l-ieħor jitlob waħdu ġo kamartu.
Minn ħsieb il-mewt eħlisni, ja Mulejja.
Mill-granfi tat-turment il-prezz sarrafli.
Għawwiem nistiednek tgħinni.
Inxejjer idi forsi għad tarani
nitħabat u nittanta
nawfraġju fuq ix-xott.
ID-DAWL JAF IFELLEK, GĦAŻIŻA
Id-dawl jaf ifellek, għażiża,
jekk tieqaf għal ftit tissindika
minn bejn il-persjani sokkjużi
biex tgħarrex fil-lenbi oskur
għall-farka li ddawwal ir-ruħ.
Inħeles, ja ħlejqa notturna…
u fittex fl-arkivji tas-sema
xi jsostni t-titwiba tal-ġuħ.
|