RSS:
Artikli
Kummenti

L-Erotizmu

L-Ewwel Taqsima: L-Erotiżmu
Bil-Varloppa (Poeżiji 1985-2005)

IMĦABBA KLANDESTINA DIN

Ħabbejtek, anki jekk dhert ftit musfara
fi spazju bejn nofs linja laterali
ġo mappa b’tarf mikul, qatigħ imgħabbra,
f’senduq mistur minn għajn il-klieb furbani.

Kont jiena l-ammirall miġnun biżżejjed
li ftaħt il-mappa u flejt sa l-iċken tikka
fi blu li minnu għext u tani ismi.
Sa qist reqqien b’kumpassi tqal u msadda;
salpajt imnerveż fost il-ġenn taċ-ċorma.
B’passjoni u ferħ għajjatt: “Fuq l-arbli l-aħwa.
Ħolluh il-qlugħ ħa r-riħ jeħdilna ħsiebu.
Torqodx, tmunier! Amrilhom jerfgħu l-ankra.
Mhux iġfna rrid ’mma graw ħafif, felħani
iduq il-melħ f’titjirtu fuq wiċċ l-ilma.
Fil-mhux magħruf se nbaħħru. Spedizzjoni
mill-aktar rari din. Ta’ talb fis-sogru
u t’hena jħoll. T’intriċċi u logħ’b b’din qalbi
imnaqqra bħas-sellieħ mit-tartarella.”

Armajn dan moħħi xjaħli jikkontempla
l-imħabba u d-distanza f’nofs ta’ baħar.
Għejieli kmieni wisq. M’għadux radjanti.
(O kemm jidwuli sbieħ… Nistħajjel f’leħħa
ma nafx kemm-il kanun fi sħaba tixgħel,
- f’salut heżżież f’dil-mewt komuni tiegħi –
tat-tromba d-daqq, tperpir bnadar mezz’asta…)
Hekk f’bokket għar l-imrajjen jibdel fommi
u ’l żaqqi f’marqad komdu għall-imħara
sa mxejjen nagħqad tond fi brim is-sikka
mixgħul bħalkieku b’lampi tal-merkurju.

Żagħżugħa ta’ l-imwieġ għax ħlift li nsibek
u ngħallmek l-għerf li forsi x-xjuħ għallmuni
u npoġġi fuq ilsienek krib iċ-ċiefa
inbdiltli f’ragħwa u ċpar. Minn fuq il-gverta
bl-oktant marsus m’għajnejja nikkalkula
kemm huma fl-għoli x-xemx u l-kwiekeb nieżla
f’xulxin, f’sema karus. Sa l-uffiċjali
fid-deffa. Nhar u lejl ħdejn l-istrumenti.
Sal-baħri mtarraf f’qoffet il-majjistru
jgħarrafni xi jkun ra, b’tant ħeġġa u ħrara.

Biex niksbek ġidi tlift u l-iprem prejjeż!

Żmien ilu tlabt ħa x-xjaten xjuħ u mherwla
taħt pettijietek jeħlu għalenija.
’Mma x-xjaten ma mitux u hawn jinsabu
u demmhom f’dad-dawran ma’ djul il-flotta.

Fuq mewġa nvara s-sejħa nobbli tiegħi,
bil-baħar jofrogħ, b’ħolmti tgħib għal dejjem.

Fil-menti l-pass kajman fuq ġismek niedi,
il-fjuri tar-rebbiegħa jmellsu ħdanek,
ix-xemx tisriġli minn għajnejk sewdiena.
Int f’qalbi ħlist farfett b’gallun imdieheb,
fit-telfa nfidtli dell is-solitudni
u mrieżaq safja ħtartli bi gwardjani.

Ta’ bewstek it-tifkira f’maktur mitni
ġo ħobbi – miżmum b’qima, b’għożża kbira –
daqs xewket traċna żżoqqni bil-velenu.

B’suppervja ndawwar l-iġfna f’rotta ġdida.

F’tislita nisfa ma’ kurrenti mqella
sa nittradixxi r-riħ u d-dlam u l-ħalel
u b’riedet irġuliti, b’dehni, b’sabri
nisforza u nidħol fil-menqiet tal-ħniena.

Imriegħed ninżel f’ilmijietek nodfa.

Gurbell imsaħħar jien. Xewqan nesplora
l-irqajja’ mmakulati ta’ qigħanek.
Minn grieżem ħluq ċkejknin, fis-swied moħbija,
nar’hom u niggust’hom mibżuqa l-bżieżaq
t’ossiġnu mal-livelli tas-sepulkri
korallini. Bla ħoss dal-kompressuri
naturali, dal-qlub ma jafux b’għeja.
Dan Alla jerħi nifsu ’l fuq bil-għaġla
maħkum minn deni jikwi t’entużjażmu,
imgħaġġeb u eċċitat b’kull ħlejqa sbejħa
ta’ idejh, mit-tajn imsawra b’ġentilezza?
Tgħid b’dawn titfewwaħ l-alka ħamranija
u ġmiel il-qiegħ jitkattar kull sekonda?

Ir-ramel disinjat sa fl-aħħar nilħaq
b’subgħajja jħufu f’kesħet l-agħma dwarhom.
Il-ħass mill-ferq u l-bjuda ta’ liwjietek
u s-sħana miċ-ċagħqiet jitbandlu ħielsa
jgħaxxquni sħiħ. Bla naf, nimtedd, nitħeddel…
Jonsobni n-ngħas u nagħlaq dlonk għajnejja
u mmissek jekk int tmissni, j’ombra mferfxa,
u nħossok kif inħoss il-poeżija.

Hawn ninsa jien min jien u dan mhux sewwa.

Fi ħmuret l-għabex nidfen il-mistħija
li mlietli wiċċi dbabar lewn l-iskorfon
u nsalpa qajl lejn xefaq bla riflessi
ħa ngħib bħalma l-baħħâr magħruf tal-ħrafa.

Ma nwebblek qatt b’li juġa’, b’ħolmti lħiħa,
għax naf li taf, ta’ fommok balsamina,
li mħabbet ammirall hi klandestina.

L-ISTORJA TA’ URAT U TA’ TADAMA

1

Biex niekol minnek, frotta, ta’ kuljum
– ġurat itiegħem b’għoġba lilu nnifsu
u forsi għal ftit jifhem
xi tfisser tkun insett:
meraq u laħam –
nissogra merqti u ftieti
f’tagħfis is-swaba’ ċkejkna
ta’ sabi mqarqaċ
kelli.

Għalik kelli nastjieni
mill-qbiż u mit-titjir fuqani
għax hawn la nista’ nogħla,
la nkun preċiż fi nżuli.
Tilqagħni jekk niġġarraf
mhux koppla tal-ħarir
tintefaħ bi pjaċir
mar-rjieħ sajfija
’mma l-kesħa żelliqija
ta’ magħlaq illustrat.

Insejt
għalik
l-għanqbuta sfiqa u ħelwa tan-namur
li fuqha, mal-maħbuba,
kont norqod sigħat twal
sakemm tintfielna l-waħma tal-maġija
u b’serqa niżgiċċalha�
taħt mitraħ aħdar skur
u vili nerġa’ nserser
bil-ħabi
lil ħaddieħor.

2

Kuldarba li jerħuk kemxejn mill-għoli
is-swaba’ rotob baqta
tat-tfajjel ġeneruż,
id-dawl narah ibus ġismek żenguli
u dell ġenbejk leqqija
inħossu bħal liżar ta’ frisk
għal fuqi.

Kif b’sabta taqa’ ħdejja bħal matmura
ħlief ċapep ħmura mżellġa ma narax.

’Mma d-dmija… x’inhi d-dmija,
’kk mhux int, j’anima tbaqbaq,
li troddli lewn u riħa
għax ħliefek ma nagħrafx?

3

F’tal-ġuħ il-ħatfa li taf tkun fatali�
fi priża faċli ndonnok.
’Mma donnok, le, m’intix
ħlief ħlejqa ħorra -
fawwara wtiqa minn blanzun il-ħajja!

Titlifni f’dgħifek, frotta mlaħħma u umda.

Aċtuż l-ilma li terħi.
Jimlieni bil-vendetta
fil-furja tal-mumenti mġarrba waħdi.

4

Ja sorra ta’ sustanzi veġetali
li bdiltli ġismi f’ramm
u fildiferru aħmar
senswali l-palpi:
tħosshom?
Għad bihom niggranfak
u nabbużak
bla kont
u skruplu.

Robust u aġli jien…

Bis-sengħa tal-pjaċir
u l-velu rqiq tal-ħabba
tarani nirkbek,
naqsmek
f’buffuri ta’ nirien
li jonfoħ laħmek.

Nixxarrab għasra jien kulmeta nħobbok�
u ddubli r-rabja fi fjur żgħir madwari
mal-qoxra li biss
tibqa’
ma’ ħemel ta’ żerriegħa
bit-togħma tas-sadid mibżuqa barra.

5.

Tifhmuh id-denb ħamrani ta’ l-istorja
bejn tnejn jilehġu,
joqtru…
’Mma biss mhux f’atmosfera
taparsi ta’ Ħolqien
minimizzat
għal fergħa ċentimetri ’l fuq u ’l isfel…

Daż-żwieġ sfurzat
emmnuni
jifhmuh biss
tadama u ġurat.

TAĦT IT-TORRI TA’ L-GĦALLIS

Hekk kif ix-xemx titgerbeb għal fuq rasna
u kanġu xiħ
mal-ħalel imbegħrnin irattab leħnu.

Hekk kif il-ħniefes koħol
jiżżellqu ma’ ġenbejn il-blat minġur
minn driegħ iż-żmien, ħanini…
u l-kokk jitbaxxa
fuq trejqa oleandri;
u sriep daqs taljakarti
mill-kenn umduż t’għerienhom isaffrulna
biex f’għafset tisfiriethom iħannuna…
ismagħha qalbi ttektek
imbellha kif inhi
bis-sema ta’ mħabbitna
tieħu suriet ta’ l-għaġeb.

Hekk kif inkiss inkiss jersqilna l-għabex
- kif fantast int ilbieraħ bl-akkwarelli -
isteriku ftakarni
intenni ġilwa wġigħ!

Hekk kif qamar l-għoljiet
ħarkieni
jimla
- lenbut dawl abjad -
f’burdata ġenn u seħer;
għajnejk xprunari mqarba
fuq l-ebbes promontorju
ta’ xtut għajnejja ’nkalja;
u ’l sidrek, alabastru mneffaħ,
bil-mod il-mod skandalja
fuq sidri,
il-muswaf sidri…

Passjoni din fi xfar għajnejk Spanjoli
hekk kif mal-ħaġar għoli
indur mixgħul għalik nistaqsi l-għala
rrid nifhem gost il-waqt;
imbagħad
traku bħal boqqa titla’ ’l fuq;
imbagħad
il-kliem stanjata fl-awli tal-widnejn;
imbagħad
ħanini,
kollox nifhem…

Aqra Siltiet mill-istudju ta’ Joe Friggieri

Trackback URI | Comments RSS

Halli Kumment