RSS:
Artikli
Kummenti

L-Ambjent u Wirt Missirijietna

It-Tielet Taqsima: L-Ambjent u Wirt Missirijietna
Bil-Varloppa (Poeżiji 1985-2005)

F’ĦAD-DINGLI

Ilbieraħ kont ma’ marti
fuq difer blat
nissamma’
għal ġwinħajn bies
ifaqqgħu wara l-priża.
Għal ftit intlift niffoka fil-qasbija.
Kamaleonte grixti lmaħt,
ferħ naħal
u bejta fniek tal-liebru mistoħbija.

Biex ninsa l-ġenn ta’ ngħasi
u biex nistad fl-irdum
għas-safa ta’ l-ossiġnu
lejn xfar l-għoljiet Dinglin
ġbidt ma’ marti
lbieraħ…
u mhux biex nagħsar qalbi
għad-dehra tkexkex l-għajn
t’għammiel, ta’ pitirross u ta’ ġojjin
misruqa minn smewwiethom
u mħabblin
ma’ l-għażel fin tal-mewt
mingħajr għanja li ttuq,
l-iċken taħrika…

Staqsejna lin-nassaba:
Tħossuh minn hawn ir-riħ tal-konformiżmu?
Dax-xbiek se taqilbuh fuq min webbilkom
bi stilel kbar, imċajpra…
iqattru d-demm mill-ponot tal-maġija?
Għaliex ivvomtajtulna
f’dal-kalċi ta’ sbuħija
u kmamar mingħajr ħajr b’soqfa taż-żingu
bnejtulna mqar f’għammieq
bla bidu u temma?
Tgħid tagħkom saru s-sagħtar u l-prinjol,
dal-fdal ta’ blat oranġjo,
dal-għerien?

Kellimna s-sies minflokhom
bis-seħer tal-ħaxix
jiffolla mxaħxaħ lejn it-truf imxarrba.

Tkagħwġilna n-nofs ta’ nhar
ma’ xemx terħi marelli ta’ kuluri
fuq Filfla mfidda
u sabna bejn il-ġonna tal-Buskett,
Triq Ħal Tartani…

Skorrejna l-binja ġdida
u lejn il-maqdes bqajna miexja mħarrka.
Ilħaqna kważi nqasstu mal-miġemgħa
rużarju ta’ qdusija. Wara l-barka
irrakkontajna x’rajna
lix-xbieha ta’ l-alliev minn tal-Mattias.

Fil-foga ta’ l-inċens
issofri l-qalb tarija.

Iddur mal-kolonnat
b’damask il-Liturġija
(jekk sewwa smajna)
il-karba ta’ l-uġigħ minn fomm Marija.

FRAK TAN-NATURA
Ħajku u Tanka

Dawn il-foresti
huma l-pulmuni t’Alla:
teqirduhomx!

Żeffien mill-aqwa
dal-frajjel fuq il-blat
aħmar, bellusi…

Werqa kannella
nieżla… Żiffa tonfħilha
l-ħajja: baħrija?

Eħfef miż-żiffa
li tqum u torqod, rix
l-alwett ferut.

Il-ġwienaħ qlugħ,
l-antenni mqadef fl-ajru,
l-idejn… farfett?

Mill-ilma ħiemed
tielgħa bużżieqa ħadra:
tgħid żrinġ minfuħ?

Mara mlefilfa
fix-xalel tat-tajjâr
dix-xitwa qierħa.

Aħrax is-sajf…
’Mma xitwa mingħajr xita
hij’eħrex minnu!

X’jimporta, sieħbi,
li m’għandniex ġungli, xmajjar,
deżerti, silġ,
vulkani, deheb, għadajjar…
la għandna dal-widien!

X’jimporta, sieħbi,
li m’għandniex il-piram’di
u t-torrijiet
ta’ Pisa, ta’ Pariġi…
la għandna dawn it-toroq!
Biex tmur l-iskola
libbsuha skufja ħoxna
pariġġ bwiez u kalzetti,
ġakketta ħamra
imtektka sewwa bl-iswed
u par ingwanti:
x’ma ttirx din-nannakola!

MINN FEJN DRIEGĦ GANTI
Bikjet il-ħaġar

1

Minn fejn driegħ ġganti b’għoġba kien poġġiena
ilqajna l-bard ta’ ħamest elef xitwa,
ta’ ħamest elef sajf il-bewsa fietla,
u bqajna sħaħ u nidħku f’wiċċ is-sema.

M’hedewx l-irjieħ bil-melħ fil-ħafna t’idhom
inaddfu fitti l-pori ta’ ġisimna.
Tal-baħri konna l-eqdes relikwarju.
Għall-bdiewa mċerċra wkoll. Hawn kienu jiġu
minn nejbet il-belliegħa sew mixgħufa
ħa jiżżuħajr u joffru lil allathom.

2

Mal-qalba ta’ staġun makkjat bil-kaċċa
imbuttatura lura kienet. Fhimna
li m’afna qatt safejn iwassal għerfhom.

Kien qed jiżżerżaq b’gost għall-melodija
ta’ l-orgni lejli. Ma’ xbihetna niedja
u lixxa n-ngħas tfissdilna ħelu ħelu.
Bl-istess delikatezza nifs buffura
immassaġġjalna l-fond bejn għonqna u daharna.

3

Bħal ilsna nbixna l-ajru invaż bl-insetti…
Ma mminawniex l-insetti jbejtu taħtna!

Għall-frisk ta’ djulna straħu l-ħniefes koħol,
il-mistħi bugħarwien, gremxul u ħanex.
Refuġju ta’ l-għakrux, xelter għall-friefet
tat-tebgħa sewda meta jonfoħ kontra,
konna. Nitkellmu mal-ġurat, man-naħla
bieżla u niżfnu maż-żunżan iż-żifna
sbejħa tal-mewt. Mal-brimb li ospitajna
ħolmitna nsiġna sħiħ. Biż-żmien imħabbel
fl-imnasab ta’ sabarna kemm stabarna.

Maż-żmien f’ħolmitna skirna b’koktejl l-iżmna
b’kunsens l-allat biex bħalhom aħna nsiru.
Hekk ta’ mberkin berikna wlied il-gżira
u l-atti li ġeddewlna nies u bhejjem,
u l-qmuħ u l-frott f’sajranu ndokrajniehom.

Il-ġenituri tagħna l-art u l-baħar,
u bintna l-wiżgħa tismen b’demm nemusa,
u ħuna l-bies b’intern f’munqaru mdemmem.

Afuna b’hekk u t’hekk il-ħbieb ġarrfuna.

4

Serqulna minn ġisimna s-sħana wtiqa,
minn ġufna l-ġieħ u l-grazzja minn għajnejna.

Jgħarrfuna llum dawn l-Unni ta’ żmien ieħor
tisbelx kontriehom ruħ dil-poeżija
f’siegħ’oħra ta’ twegħir, f’assalt ħdurithom…
’Kk hijiex rakkont sinċier dwar l-assassinju
u l-kriżi tagħhom. Tewba. Ngassa mxejra
f’ta’moħħhom l-awli. Bewsa kollha ħjiena
jo ngwent iqum fuq fomm ġerħiet tal-biża’
li lkoll għawwrulna f’sebħ rebbiegħa mgħallta –
bl-indew f’warditha flok b’qatriet zokkrija,
bit-tradiment f’xewqatha kuluriti,
bid-dwejjaq biha nfisha, bid-dillierji.

Jgħidulna kif se nberrdu lil min ħabbna
u b’liema għotja se nreġġgħuhom lura.

Jissuġġerulna rtokk jew id kirurgu
biex nerġgħu għal li konna, sħaħ, taparsi!

5

Kemm xtaqna kieku nqlajna minn għeruqna
u nżilna fgati f’daħna ta’ stmerrija,
u sħaqna rjushom, lofgħa liebsa l-vistu
ta’ lejla mingħajr ġieħ. Sabuna rieqda.

Din setgħet kienet l-aħħar ħolma tagħna!

Rajniehom dieħla nkiss inkiss, fil-ġabra…
Rajniehom jinfdu s-skiet. Rajniehom mgħannqa
mal-maqdes, bina l-ħaġar megalit’ku
– trofej ir-rebħ fuq l-iżmna – nofsna rieqda.

Il-mejt ma kienx. Sa ntbaħna t-tmiem kien qribna.
F’tagħmiża żbilanċjawna. Demm ix-xewka
ta’ Kristu ħdejn qliel demmna ħlieqa kerha.
F’widnejna flok żanżin, kakofonija
ta’ ħsejjes, forsi kliem magħdud f’taħbila.

6

“Din x’pożizzjoni hi li ġew jagħtuna
f’dir-roqgħa ġdida t’art?” staqsejna mdagħdgħa.
Bla qalb min għamel hekk. Bla ruħ. Terribbli
dan l-intervent fl-annali ta’ l-istorja.
Dal-lejl negħlbuh b’kelmitna nobbli u kruda
tfurilna m’nn akwidott il-menti mweġġgħa.
Eh! F’dal-mument annuna rridu ngħarrxu
għal ħolm li mhux skavat ħa lura mmorru.
’Mma l-ħolm tal-verit maħbub leali
u l-ġibda tat-tkexkix jerġa’ jfakkarna.

Dolmens ikkonsagrati drobtu. X’ħasra!
Bħalkieku qies b’favur dal-ġmiel imsaqqaf
li ħaffiftuh mill-madmad ta’ toqolna…

La l-fidi bnietna l-fidi sfat miġruħa.
La b’tama għexna t-tama eżawrietna.
La b’ferħa ħadna n-nifs il-ferħ fgawhulna.

Hekk issa minflok nidħku, nolfqu dmugħna,
fil-vjola, fl-aħmar dgħumi ta’ fuq rasna,
u b’għajn miġnuna nfittxu ħjiel suritna
imxerred ’l hawn u ’l hinn mat-tempju mkasbar.

7

Għall-maħbubin: “Fl-inħawi ta’ l-Imnajdra,
qalb l-isfar fil-lel tal-blat muxgħari,
nintrassu ftit, ninbidlu f’ċaqgħa u gajdra.”

Għaċ-ċelebrant fuq ġew, ’il ġew fit-tempju,
fiċ-ċpar t’għodwiet bikrin, xi darba s-sabar.

Għal dawk l-erwieħ li b’ħilthom hawn tqandilna
suffraġju jekk kultant jivvenerawhom.
Għax huma telqu u aħna bqajna wieqfa
biex minn assedju ieħor neħilsuhom.
Bħal kilwa trapjantata sseparajna
id-demm minn semm nisilhom. Mill-burraxki
imlaħħma fi smewwiethom kaħlanija,
mill-ħafa u t-taħsir, mill-ironija
f’t’aħwathom it-tbissima, ħarisniehom.

Imm’issa, le! Għalihom saħta u ħsara!
Tbaqbiq id-demm fl-ispazji ta’ bejnietna.
Did-dagħwa li qtajnielhom minn ġo fruqna
għad tidwi mal-madwar u terġa’ lura
biex tnixxef lil min bikkem fina l-qodos
u gerrxu għall-ilmiet berdin ta’ taħtna.

Għalihom, ċorma rġiel bla sens, tat-tiben…
dell ta’ passat oskur, inutli, minsi…
għax fina m’afux jagħrfu kobor ġenshom.

Għalikom, ftit poeti li tgħożżuna,
sittin miraġġ, sittin twerżiqa ħamra,
sittin delitt, sittin tifkira mġammra.

Aqra siltiet mill-istudju ta’ Tarcisio Zarb

Trackback URI | Comments RSS

Halli Kumment