Is-Sitt Taqsima: Ilsien Pajjiżi, il-Poeżija u l-Poeta
Bil-Varloppa (Poeżiji 1985-2005)
|
FRAMMENTI (2)
1
Kelmti hija l-
baħar
u jien moqdief il-
baħar…
Mill-frisk ta’ xarbet l-għodwa fuq it-tamar,
minn xemx tbaskat il-qfief bil-ħut ġo fihom,
din kelmti
għandha…
2
Tingiż tan-nar
u nefħa li ma tmurx kif ġieb u laħaq
noffrilek, mifni, f’lejla mxajtna u kiesħa –
noffrilek bews l-iskorfon velenuż,
noffrilek kelmti!
3
Għal kelmti ssaltjajt naħfen l-ifnad baħar,
gerfixt taparsi fl-ilma biex insib…
kurrent ħafif u mbierek iżerżaqha,
ma nkunx jien li nżerżaqha,
kelmti minn fommi togħla ’l fuq,
’il fuq…
ma’ l-alka kollha bżieżaq
’il fuq togħla…
4
Din qalbi qrolla mbandla
f’dirgħajn kull ħalla ġwejda;
ċaqliq t’ispirazzjoni
’mma ’l kelmti nqisha żejda.
5
Bħal pellegrin qalbieni
għażilt mogħdija mdardra b’dawl il-qamar…
B’għasluġi d-dalma qtilt
u sust għalik,
u dalma sirt għalik,
sa mill-irdum il-fieragħ
inżilt bil-mod,
il-mod…
u sirt biċċa mill-baħar
u bħalu straħt niffoka
imbennen mill-iħirsa sewdinin
id-djuq ta’ dlam is-skiet
u wisgħa mtaqqla sewwa ħsibijiet –
wisgħa mirbuħa minnek, u minnek biss, ja kelmti!
6
Iss’hawn il-mewġa mqarba
xellfitli ħajr is-sliem
eden ta’ skiet ġo fija daq il-ħamba
ta’ geġwiġija kliem.
7
Mur
ja kelmti
mur
ma’ frajjel ibleh
u ixrob minn ġox-xquq fi blata mrizza…
Bħal sponża ixrob
sal-kurrenti mgħabbra
lejn l-eħlew qroll jitwidden iwassluk,
fejn ċagħka spiss titrambel ma’ ċagħk’oħra,
fejn taħbat ma’ kelm’oħra,
fejn bonn infittxek taħt ir-ramel kiesaħ
ħa ngħoddok kelma, kelma…
ħa kollni sabar infarfarlek l-għabra
imbagħad f’barrada ngeddsek –
kelmti sabiħa għalkemm ftit storduta.
“ifrex idejk, poeta, u…” l-kliem ferut f’idejja
jieħu l-ħajja!
Kelmti hija l-
baħar
u jien moqdief il-
baħar.
|
|
KUNĊERT
Kulmeta
nitħallat u nsorġi kurjuż mal-miġemgħa
f’gallerija b’tinqix animat
bi tromba nifliha l-pjanista divina
sa nagħlaq għajnejja
għaż-żifna tas-swaba’
fuq l-iswed u l-abjad tat-tasti.
Ftit, ftit
nixxaqleb mis-sît
għall-baħħ ta’ quddiemi.
Biex naħfen l-ottavi -
ġinnasti ggrunċjati mal-linfa tan-nofs
u r-rużuni,
żeffiena mill-kefef għal tul il-bellus tal-purtiera
inkun għoddni tlift il-bilanċ.
Bħal anġli l-kwartini
jweżnuni
biex riġli ma’ l-art ma nisloħx.
Żegħila dan-noti
imilu devoti
bħal karti mitwija tal-logħob,
skjerati preċiz biex jinkinsu,
jintrifsu
b’nofs nefħa,
trassisa jew messa,
kif korda tintlaqat b’martell
u mriegħda tivvinta miraklu li jibqa’,
li jifqa’ bil-ħoss:
dinamite,
furnella tiġraħli
lil ruħi bil-blast.
|
|
LA JI U L-AWDITURI
Għalxejn titqalleb ruħi
bi mradd l-ispirazzjoni
’kk ma ddoqqx sabiħ f’widnejja,
’kk ma tkunx b’lewn l-ossessjoni.
Il-prosodija l-maħżen
u l-linji l-ixkaffar
li fuqhom, b’ħafna sabar,
nistiva s-sillabar.
U ngħodd, nirrikonċilja…
’Mma tarfha ma nsib qatt -
marella din bla temma
ta’ kliem li ma jrid ħadd.
Niffissa fuq kull waqgħa
t’aċċent qalil, mitruħ…
fuq l-isbaħ sentimenti –
statistika tar-ruħ.
Niddispra ’kk imqar folju
jisfali kkalpestat
b’xi transizzjoni mxierka
ma’ moħħi aljenat.
Għiduli, jekk vers wati
joħroġli tronk minflok -
dnub ikreh kontra s-sengħa;
bħal dan, għalih hemmx lok?
Biż-żejjed nisfa mbidded
u n-nieqes ma jreġix;
la jiġu l-awdituri
naraw jarrestawnix!
Jekk ma naqbilx ma’ vrusi
nixħethom ġo kexxun
tiddivor’homli l-kamla
u mmut mal-kliem mitħun.
L-istocktake ta’ dis-sena
issarraf f’orġja swat;
il-maniġment jaf kollox
u t-telf ikkalkulat.
Sa barra t-tort mhux tiegħi.
Hawnhekk ma jħarsuhiex
il-kelma li tifridhom
minn ġnus oħrajn daqsiex.
Fi skipp bidluh ’il fommhom
u ’l moħħhom f’arloġġ xiħ
li ssaddad sew minn ġewwa,
li l-ħin jistħi jurih.
Jaqbilli nżarma kollox
u naħrab mili ’l bogħod…
immur ninvesti l-kelma
fejn jagħtu mgħax fis-sod!
|
Aqra Siltiet mill-istudju ta’ Charles Briffa
No Comments »
Halli Kumment