Nota Bijografika
November 23rd, 2006 by fanina
Louis Briffa twieled Ħ’Attard fl-1971 u joqgħod Ta’ Xbiex. Ix-xogħlijiet letterarji tiegħu dehru f’diversi rivisti u ġurnali lokali. Uħud mill-poeżiji tiegħu nqalbu għall-Ingliż, it-Taljan u l-Esperanto. Rebbieħ ta’ diversi Konkorsi Letterarji, fosthom il-Premju Gużè Aquilina (1998) u l-Premju Letterarju Patri Marjanu Vella (2000). Bejn l-1994 u l-1998 Briffa kien l-editur letterarju tal-ġurnal KullĦadd. Kien ukoll qarrej u producer tal-programm letterarju Nixxiegħa (PBS). Rappreżentat fil-ktieb Jiflu Żmienhom (2003), ġabra tal-kitbiet tal-Poeżijaplus, Klabb Kotba Maltin. Bħalissa hu l-Uffiċjal inkarigat mill-Medical Materials Management Unit ta’ l-Isptar San Luqa.
Louis Briffa jikteb il-poeżija b’reqqa sħiħa fl-għażla tal-kelma, b’sens qawwi ta’ ritmiċita li tirrifletti l-kontenut, u b’dedikazzjoni mnissla mill-fiduċja fil-poeżija bħala espressjoni speċjali. Huwa jfittex temi essenzjali u jixħet fihom ix-xejriet ta’ trattament personali. Fil-qalb ta’ din il-klassiċita hemm dejjem il-ħsus ta’ ruħ moderna.